Strummin’ Jirritorna bil-kunċert ‘Riot and Rhythm’

Il-Kunċert Strummin’ se jsir fis-6 u s-7 ta’ Novembru fl-Awditorju ta’ Sant’Agata, ir-Rabat

Strummin’, wieħed mill-kunċerti l-aktar mistennija f’Malta, jirritorna fis-6 u s-7 ta’ Novembru fl-Awditorju ta’ Sant’Agata, ir-Rabat, bit-tema ta’ din is-sena Riot and Rhythm. Mill-ewwel edizzjoni tiegħu f’Novembru 2002, il-kunċert bena segwaċi leali bit-taħlita ta’ mużika rock u diski klassiċi li ma jixjieħu qatt, filwaqt li jlaqqa’ flimkien kitarristi, kantanti u mużiċisti ta’ kull livell flimkien ma’ tim dedikat ta’ voluntiera. Organizzat mill-Fondazzjoni Strummin’, l-avveniment sar appuntament fiss fil-kalendarju mużikali Malti.

It-tema ta’ din is-sena, Riot and Rhythm, għandha ħafna xi tgħid. Stennew kanzunetti li jitkellmu dwar l-inġustizzja, isejħu għall-bidla u jistaqsu jekk l-affarijiet jistgħux jissewwew, kollha imwassla bir-ritmu ta’ mużika live immexxija mill-kitarri.

Il-benefiċjarju magħżul għall-kunċert ta’ din is-sena huma l-Malta Guide Dogs Foundation. Din hija organizzazzjoni non governattiva li tipprovdi klieb gwida mħarrġa professjonalment, mingħajr ħlas, lil persuni neqsin mid-dawl jew li għandhom diffikultajiet fil-vista madwar Malta u Għawdex. Kull kelb jitrabba b’mod speċjali u jgħaddi minn diversi xhur ta’ taħriġ intensiv qabel ma jingħata lil sidu. Il-Fondazzjoni ssegwi kull klijent għal madwar għaxar snin, kemm idum jaħdem il-kelb gwida, billi toffri taħriġ u appoġġ kontinwu sabiex is-sħubija tibqa’ ffukata fuq l-għan tagħha. Il-klieb gwida jiswew ħafna biex jinkisbu u jitħarrġu, u l-Fondazzjoni tiddependi fuq l-appoġġ tal-pubbliku biex tkompli. Il-fondi miġbura mill-kunċert ta’ din is-sena se jgħinuha tkompli dan ix-xogħol u tappoġġja aktar persuni b’diffikultajiet fil-vista biex ikollhom aktar indipendenza d-dar, fuq il-post tax-xogħol u fil-komunità.

It-tim mużikali u l-kitarristi ta’ Strummin’ diġà qegħdin jaħdmu bis-sħiħ biex jipprovdu lill-udjenza tagħna kunċert ieħor mill-aqwa. Immarkaw id-dati… is-6 u s-7 ta’ Novembru fl-Awditorju ta’ Sant’Agata, ir-Rabat, u żommu għajnejkom fuq il-midja soċjali tagħna biex tiksbu l-biljetti.